Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jippartikolarizzaw u jikkomplementaw ir-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika li tikkwalifika bħala data personali. Dan ir-Regolament għalhekk ma jbaxxix il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnu persuni fiżiċi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun permess biss f’konformità ma’ dan ir-Regolament.