Sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali u biex jiġi żgurat il-moviment liberu ta' data personali fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tkun delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat biex jissupplimentaw dan ir-Regolament. B’mod partikolari, atti delegati għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata, inkluż permezz ta’ ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali faċilment viżibbli u intelliġibbli tal-ġabra ta’ informazzjoni maħruġa b’tagħmir terminali, il-finijiet tagħha, il-persuna responsabbli minnha u ta’ kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex jimminimizza l-ġabra. Atti delegati huma wkoll neċessarji biex jiġi speċifikat kodiċi biex jiġu identifikati telefonati ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta inklużi dawk magħmula permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’April 2016
25
. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament għandhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb it-tħejjija ta' atti delegati. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat implimentattivi meta previst minn dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.