Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta’ dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa timponi penali inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament, flimkien, jew minflok kwalunkwe miżura adatta oħra skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f'kull każ individwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b'mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur. Bil-għan li tiġi stabbilita multa taħt dan ir-Regolament, intrapriża għandha tkun mifhuma bħala intrapriża skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat.