Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti fit-territorju tal-Istat Membru proprju tagħha biex teżerċita s-setgħat u biex twettaq il-kompiti stabbliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi f’kull Stat Membru, mingħajr ħsara għas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu ksur ta’ dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u biex jibdew proċedimenti legali. L-Istati Membri u l-aworitajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.