Biex tkun żgurata konsistenza sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679, l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi fdat f’idejn l-istess awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u dan ir-Regolament iserraħ fuq il-mekkaniżmu ta’ konsistenza tar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkollhom aktar minn awtorità superviżorja waħda, biex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika għal entitajiet ġuridiċi. Kompiti addizzjonali tali ma għandhomx jipperikolaw l-abbiltà tal-awtorità superviżorja li twettaq il-kompiti tagħha fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 u dan ir-Regolament. Kull awtorità superviżorja għandha tiġi pprovduta bir-riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali, il-post u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti taħt dan ir-Regolament.