Sabiex ikun faċli li l-kunsens jiġi rtirat, il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jkunu qed iwettqu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta b’posta elettronika għandhom jippreżentaw link, jew indirizz ta’ posta elettronika validu, li jistgħu jintużaw faċilment mill-utenti aħħarin biex jirtiraw il-kunsens tagħhom. Persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jkunu qed iwettqu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz ta’ telefonati vuċi għal vuċi u permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ sistemi ta’ telefonati u komunikazzjoni għandhom juru l-linja ta’ identità tagħhom li fuqha wieħed jista’ jċempel lill-kumpanija jew jippreżentaw kodiċi speċifiku li jidentifika l-fatt li t-telefonata hija telefonata ta’ kummerċjalizzazzjoni.