Meta l-utenti aħħarin ikunu pprovdew il-kunsens tagħhom biex jirċievu komunikazzjonijiet mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, dawn għandhom xorta waħda jkunu jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin b’mod faċli. Biex jiġi ffaċilitat l-infurzar effettiv tas-stat tad-dritt dwar messaġġi mhux solleċitati għal kummerċjalizzazzjoni diretta, jeħtieġ li jiġi pprojbit il-ħabi tal-identità u l-użu ta’ identitajiet foloz, indirizzi jew numri tar-ritorn foloz meta jkunu qed jintbagħtu komunikazzjonijiet kummerċjali mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Komunikazzjonijiet kummerċjali mhux solleċitati għandhom għalhekk ikunu rikonoxxibbli b’mod ċar bħala tali u għandhom jindikaw l-identità tal-persuna ġuridika jew fiżika li tkun qed tittrażmetti l-komunikazzjoni jew f’isem min il-komunikazzjoni qed tiġi trażmessa u tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja lir-riċevituri biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jopponu li jirċievu messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-miktub u/jew orali oħra.