Għandhom jiġu pprovduti salvagwardji biex l-utenti aħħarin jiġu protetti minn komunikazzjonijiet mhux solleċitati għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, li jistgħu jkunu ta’ intrużjoni fil-ħajja privata tal-utenti aħħarin. Il-livell ta’ intrużjoni fil-privatezza u malizzja huwa meqjus relattivament simili indipendentement mill-firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji u modi użati biex issir din il-komunikazzjoni elettronika, kemm jekk jintużaw sistemi ta’ telefonati u komunikazzjoni awtomatizzati, applikazzjonijiet ta’ messaġġi instantanji, posta elettronika, SMS, MMS, Bluetooth, eċċ. Huwa għaldaqstant iġġustifikat li jkun rikjest li jinkiseb il-kunsens tal-utent aħħari qabel ma tintbagħat komunikazzjoni elettronika kummerċjali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta lill-utenti aħħarin sabiex jiġu effettivament protetti l-individwi mill-intrużjoni fil-ħajja privata tagħhom kif ukoll l-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi. Iċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli li jipproteġu kontra komunikazzjoni elettronika mhux solleċitata jibqgħu tajbin fil-ġejjieni jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġi ddefinit sett uniku ta’ regoli li ma jvarjax skont it-teknoloġija użata biex titwassal din il-komunikazzjoni mhux solleċitata, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ggarantit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni liċ-ċittadini kollha fl-Unjoni kollha. Madankollu, huwa raġonevoli li jitħalla l-użu tad-dettalji ta’ kuntatt tal-posta elettronika fil-kuntest ta’ relazzjoni eżistenti ma’ klijent biex jiġu offruti prodotti jew servizzi simili. It-tali possibbiltà għandha tapplika biss għall-istess kumpanija li tkun kisbet id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi skont ir-Regolament (UE) 2016/679.