Jekk l-utenti aħħarin li huma persuni fiżiċi jagħtu l-kunsens tagħhom biex id-data tagħhom tiġi inkluża f’direttorji tali, dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw fuq bażi ta’ kunsens liema kategoriji ta’ data personali huma inklużi fid-direttorju (pereżempju isem, indirizz tal-posta elettronika, indirizz tad-dar, isem tal-utent, numru tat-telefown). Barra minn hekk, il-fornituri ta’ direttorji pubblikament disponibbli għandhom jinfurmaw lill-utenti aħħarin bl-għanijiet tad-direttorju u bil-funzjonijiet ta’ tfittxija tad-direttorju qabel ma jinkluduhom f’dak id-direttorju. L-utenti aħħarin għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’kunsens fuq il-bażi ta’ liema kategoriji ta’ data personali jistgħu jiġu mfittxija d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Il-kategoriji ta’ data personali inklużi fid-direttorju u l-kategoriji ta’ data personali abbażi ta’ liema dettalji ta’ kuntatt tal-utent aħħari jistgħu jiġu mfittxija ma għandhomx neċessarjament ikunu l-istess.