Meta l-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jaqa’ fl-ambitu tiegħu, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni jew l-Istati Membri taħt kundizzjonijiet speċifiċi jirrestrinġu bil-liġi ċerti obbligi u drittijiet meta restrizzjoni tali tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex jiġu ssalvagwardjati interessi pubbliċi speċifiċi inklużi s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, jew funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għal interessi tali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-abbiltà tal-Istati Membri li jwettqu interċettazzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji u proporzjonati biex jissalvagwardjaw l-interessi pubbliċi msemmija hawn fuq, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom jipprevedu proċeduri adatti biex jiffaċilitaw talbiet leġittimi ta’ awtoritajiet kompetenti, u fejn rilevanti għandu jiġi meqjus ukoll ir-rwol tar-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 3(3).