L-aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika jirrikjedi l-emissjoni regolari ta’ ċerti pakketti ta’ data sabiex tkun skoperta jew miżmuma konnessjoni man-netwerk jew apparti oħra fuq in-netwerk. Barra minn hekk, l-apparti għandu jkollhom indirizz uniku assenjat sabiex ikunu identifikabbli fuq dak in-netwerk. Standards tal-telefonija mingħajr wajers u ċellulari bl-istess mod jinvolvu l-emissjoni ta’ sinjali attivi li jkun fihom identifikaturi uniċi bħal indirizz MAC, l-IMEI (International Mobile Station Equipment Identity - Identità tat-Tagħmir ta’ Stazzjon Mobbli Internazzjonali), l-IMSI, eċċ. Stazzjon ta’ bażi mingħajr wajers unika (jiġifieri trażmettitur u riċevitur), bħal punt ta’ aċċess mingħajr wajers, għandha firxa speċifika li fiha tista’ tinqabad informazzjoni tali. Tfaċċaw fornituri ta’ servizzi li joffru servizzi ta’ traċċar ibbażati fuq l-iskennjar ta’ informazzjoni relatata ma’ tagħmir b’funzjonalitajiet diversi, inkluż li jiġu magħduda n-nies, li tiġi pprovduta data dwar in-numru ta’ persuni li jkunu qed jistennew fil-kju, il-konferma tan-numru ta’ persuni f’żona speċifika, eċċ. Din l-informazzjoni tista’ tintuża għal finijiet aktar intrużivi, bħal biex jintbagħtu messaġġi kummerċjali lil utenti aħħarin, pereżempju meta jidħlu fi ħwienet, b’offerti personalizzati. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-funzjonalitajiet ma jinvolvux riskji għall-privatezza għoljin, xi oħrajn jinvolvu riskji għall-privatezza għoljin, pereżempju dawk li jinvolvu l-ittraċċar ta’ individwi fuq perjodu ta’ żmien, inklużi żjarat ripetuti f’postijiet speċifikati. Il-fornituri involuti f’prattiki tali għandhom juru avviżi prominenti li jkunu jinsabu fix-xifer taż-żona ta’ kopertura li jinfurmaw lill-utenti aħħarin qabel ma jidħlu fiż-żona ddefinita li qed titħaddem it-teknoloġija f’perimetru partikolari, l-għan tal-ittraċċar, il-persuna responsabbli minnu u l-eżistenza ta’ kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex jimminizza jew iwaqqaf il-ġbir. Informazzjoni addizzjonali għandha tiġi pprovduta fejn data personali hija miġbura skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679.