Biex brawżers tal-web ikunu jistgħu jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin kif iddefinit taħt ir-Regolament (UE) 2016/679, pereżempju, għall-ħżin ta’ cookies ta’ traċċar ta’ parti terza, dawn għandhom, fost oħrajn, jirrikjedu azzjoni affermattiva ċara mill-utent aħħari ta’ tagħmir terminali biex juri l-qbil tiegħu jew tagħha mogħti liberalment, infurmat speċifiku, u mhux ambigwu għall-ħżin u l-aċċess ta’ tali cookies fit-tagħmir terminali u minnu. Azzjoni tali tista’ tiġi kkunsidrata li hi affermattiva, pereżempju, jekk l-utenti aħħarin huma rikjesti li jagħżlu b’mod attiv “aċċetta cookies ta’ parti terza” biex jikkonfermaw il-qbil tagħhom u huma mogħtija l-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu l-għażla. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-fornituri ta’ softwer li jippermetti aċċess għall-Internet ikunu rikjesti li, fil-mument tal-installazzjoni, jinfurmaw lill-utenti aħħarin dwar il-possibbiltà li jagħżlu s-settings ta’ privatezza fost id-diversi opzjonijiet u jitolbuhom jagħmlu għażla. L-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tiddiswadi lill-utenti aħħarin milli jagħżlu settings ta’ privatezza aktar għoljin u għandha tinkludi informazzjoni rilevatni dwar ir-riskji assoċjati ma’ li cookies ta’ parti terza jitħallew jinħażnu fil-kompjuter, inkluż il-ġabra ta’ rekords fuq perjodu fit-tul tal-istejjer tal-ibbrawżjar tal-individwi u l-użu ta’ tali rekords biex jintbagħat reklamar immirat. Il-brawżers tal-web huma mħeġġa biex jipprovdu modi faċli biex l-utenti aħħarin jibdlu s-settings tal-privatezza fi kwalunkwe ħin waqt l-użu u biex jippermettu lill-utent jagħmel eċċezzjonijiet għal, jew li jistabbilixxi “lista bajda” ta’ ċerti siti web jew li jispeċifika għal liema siti web cookies ta’ parti (terza) huma dejjem permessi jew ma huma qatt permessi.