Il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ data bid-disinn u b’mod awtomatiku ġew ikkodifikati taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679. Attwalment, is-settings awtomatiċi għal cookies fil-biċċa l-kbira tal-brawżers attwali huma stabbiliti fuq “aċċetta l-cookies kollha”. Għaldaqstant il-fornituri ta’ softwer li jippermetti l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet għandu jkollhom obbligu li jikkonfiguraw s-softwer b’tali mod li joffri l-opzjoni li partijiet terzi ma jitħallewx jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir terminali; din ta’ spiss tiġi ppreżentata bħala “irrifjuta cookies ta’ parti terza”. L-utenti aħħarin għandhom jiġu offruti sett ta’ opzjonijiet ta’ settings tal-privatezza, li jvarjaw minn aktar għolja (pereżempju, “taċċetta qatt cookies”) sa aktar baxxi (pereżempju, “dejjem aċċetta cookies”) u intermedji (pereżempju, “irrifjuta cookies ta’ parti terza” jew “aċċetta biss cookies tal-ewwel parti”). Settings tal-privatezza tali għandhom jiġu ppreżentati b’mod faċilment viżibbli u intelliġibbli.