Il-metodi użati għall-forniment ta’ informazzjoni u biex jinkiseb il-kunsens tal-utent aħħari għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Minħabba l-użu persistenti ta’ cookies ta’ traċċar u tekniki ta’ traċċar oħra, l-utenti aħħarin huma dejjem aktar mitluba jipprovdu l-kunsens biex jinħażnu cookies ta’ traċċar tali fit-tagħmir terminali tagħhom. B’riżultat, l-utenti aħħarin huma mgħobbija żżejjed b’talbiet biex jipprovdu kunsens. L-użu ta’ mezzi tekniċi biex jiġi pprovdut kunsens, pereżempju, permezz ta’ settings trasparenti u faċli għall-utent, jista’ jindirizza din il-problema. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà li jiġi espress kunsens bl-użu ta’ settings adatti ta’ brawżer jew applikazzjoni oħra. L-għażliet magħmula mill-utenti aħħarin meta jkunu qed jistabbilixxu s-settings ta’ privatezza ġenerali tagħhom ta’ brawżer jew applikazzjoni oħra għandhom ikunu vinkolanti fuq, u infurzabbli kontra, kwalunkwe parti terza. Il-brawżers tal-web huma tip ta’ applikazzjoni ta’ softwer li jippermetti l-irkupru u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet. Tipi oħra ta’ applikazzjonijiet, bħal dawk li jippermettu telefonati u messaġġi jew jipprovdu gwida tar-rotta, ukoll għandhom l-istess kapaċitajiet. Il-brawżers tal-web jimmedjaw ħafna minn dak li jiġri bejn l-utent aħħari u s-sit web. Minn din il-perspettiva, huma jinsabu f’pożizzjoni privileġġata biex ikollhom rwol attiv biex jgħinu lill-utent aħħari jikkontrolla l-fluss ta’ informazzjoni lejn u mit-tagħmir terminali. B’mod aktar partikolari, il-brawżers tal-web jistgħu jintużaw bħala gwardjani, u hekk jgħinu lill-utenti aħħarin biex jipprevjenu l-aċċess jew il-ħżin ta’ informazzjoni mit-tagħmir terminali tagħhom (pereżempju smart phone, tablet jew kompjuter).