Eċċezzjonijiet għall-obbligu li jinkiseb kunsens biex isir użu mill-kapaċitajiet ta’ pproċessar u ħżin ta’ tagħmir terminali jew biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni maħżuna f’tagħmir terminali għandhom ikunu limitati għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvu l-ebda intrużjoni tal-privatezza jew intrużjoni limitata ħafna biss. Pereżempju, ma għandux jintalab il-kunsens għall-awtorizzazzjoni tal-ħżin tekniku jew l-aċċess strettament meħtieġa u proporzjonati għall-fini leġittimu li jsir possibbli l-użu ta’ servizz speċifiku espliċitament mitlub mill-utent aħħari. Dan jista’ jinkludi l-ħżin ta’ cookies għat-tul ta’ sessjoni stabbilita unika fuq sit web biex jinżamm rekord tal-input tal-utent aħħari meta jkunu qed jimtlew formoli onlajn fuq diversi paġni. Il-cookies jistgħu wkoll ikunu għodda leġittima u utli, pereżempju, biex jitkejjel it-traffiku fuq il-web għal sit web. Fornituri tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkunu involuti f’ikkontrollar tal-konfigurazzjoni biex jipprovdu s-servizz f’konformità mas-settings tal-utent aħħari u s-sempliċi lloggjar tal-fatt li l-apparat tal-utent aħħari ma jistax jirċievi kontenut mitlub mill-utent aħħari ma għandhomx jikkostitwixxu aċċess għal apparat tali jew l-użu tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar tal-apparat.