Tagħmir terminali ta’ utenti aħħarin ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u kwalunkwe informazzjoni relatata mal-użu ta’ tagħmir terminali tali, kemm jekk maħżuna f’tali tagħmir jew emessa minnu, mitluba minn jew ipproċessata sabiex ikun jista’ jagħmel konnessjoni ma’ apparat ieħor u jew tagħmir tan-netwerk, huma parti mill-isfera privata tal-utenti aħħarin li jirrikjedu protezzjoni taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Peress li tagħmir tali fih jew jipproċessa informazzjoni li tista’ tiżvela dettalji ta’ kumplessitajiet emottivi, politiċi u soċjali ta’ individwu, inkluż il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet, ritratti, il-post tal-individwi billi jkun hemm aċċess għall-kapaċitajiet ta’ GPS tal-apparat, listi ta’ kuntatt, u informazzjoni oħra diġà maħżuna fl-apparat, l-informazzjoni relatata ma’ tagħmir tali tirrikjedi protezzjoni tal-privatezza mtejba. Barra minn hekk, l-hekk imsejjaħ spyware, web bugs, identifikaturi moħbija, cookies ta’ traċċar u għodda ta’ traċċar mhux mixtieqa simili oħra jistgħu jidħlu fit-tagħmir terminali tal-utent aħħar mingħajr ma jkunu jafu sabiex jiksbu aċċess għal informazzjoni, biex jaħżnu informazzjoni moħbija u biex jitraċċaw l-attivitajiet. Informazzjoni relatata mal-apparat tal-utent aħħari tista’ tinġabar ukoll mill-bogħod għall-fini tal-identifikazzjoni u l-ittraċċar, bl-użu ta’ tekniki bħall-hekk imsejħa “magna għat-teħid tal-marki tas-swaba’”, ta’ spiss mingħajr ma jkun jaf l-utent aħħari, u tista’ tkun ta’ intrużjoni serja fil-privatezza ta’ dawn l-utenti aħħarin. Tekniki li jissorveljaw bil-moħbi l-azzjonijiet tal-utenti aħħarin, pereżempju bl-ittraċċar tal-attivitajiet tagħhom onlajn jew tal-post tat-tagħmir terminali tagħhom, jew jaqilbu l-ħidma tat-tagħmir terminali tal-utenti aħħarin huma ta’ theddida serja għall-privatezza tal-utenti aħħarin. Għaldaqstant, kwalunkwe interferenza tali mat-tagħmir terminali tal-utent aħħari għandha titħalla biss bil-kunsens tal-utent aħħari u għal finijiet speċifiċi u trasparenti.