Il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jiżvela informazzjoni sensittiva ħafna dwar il-persuni fiżiċi involuti fil-komunikazzjoni, minn esperjenzi u emozzjonijiet personali sa kundizzjonijiet mediċi, preferenzi sesswali u opinjonijiet politiċi, li l-iżvelar tagħha jista’ jirriżulta f’dannu pesonali u soċjali, telf ekonomiku jew mistħija. B’mod simili, metadata meħuda minn komunikazzjoni elettronika tista’ wkoll tiżvela informazzjoni sensittiva u personali ħafna. Din il-metadata tinkludi n-numri li wieħed ċempel, is-siti web miżjura, il-post ġeografiku, il-ħin, id-data u d-dewmien meta dan għamel telefonata, eċċ., li tagħmilha possibbli li jsiru konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajjiet privati tal-persuni involuti fil-komunikazzjoni elettronika, bħar-relazzjonijiet soċjali tagħhom, l-abitudnijiet u l-attivitajiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum, l-interessi u l-gosti tagħhom, eċċ.