Il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jappartjeni għall-essenza tad-dritt fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet protett taħt l-Artikolu 7 tal-Karta. Kwalunkwe interferenza fil-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika għandha titħalla biss taħt kundizzjonijiet iddefiniti ċari ħafna, għal finijiet speċifiċi u tkun soġġetta għal salvagwardji adegwati kontra abbuż. Dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jipproċessaw data ta’ komunikazzjoni elettronika fi tranżitu, bil-kunsens infurmat tal-utenti aħħarin ikkonċernati kollha. Pereżempju, il-fornituri jistgħu joffru servizzi li jinvolvu l-iskennjar ta’ posta elettronika biex ineħħu ċertu materjal iddefinit minn qabel. Minħabba s-sensittività tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet, dan ir-Regolament jistabbilixxi preżunzjoni li l-ipproċessar ta’ tali data ta’ kontenut ser jirriżulta f’riskji għolja għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. Fl-ipproċessar ta’ tip ta’ data tali, il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu dejjem jikkonsulta l-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar. Konsultazzjoni tali għandha tkun skont l-Artikolu 36 (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-preżunzjoni ma tinkludix l-ipproċessar ta’ data ta’ kontenut biex jiġi pprovdut servizz mitlub mill-utent aħħari meta l-utent aħħari jkun ta l-kunsens tiegħu għal ipproċessar tali u jitwettaq għall-finijiet u t-tul ta’ żmien strettament neċessarju u proporzjonat għal servizz tali. Wara li kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jkun intbagħat mill-utent aħħari u ġie riċevut mill-utent aħħari jew l-utenti aħħarin maħsuba, dan jista’ jiġi rrekordjat jew maħżun mill-utent aħħari, l-utenti aħħarin jew minn parti terza mogħtija l-kompiti minnhom li tirrekordja jew taħżen tali data. Kwalunkwe pproċessar ta’ data tali għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679.