L-utenti aħħarin jistgħu jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tal-metadata tagħhom biex jirċievu servizzi speċifiċi bħal servizzi ta’ protezzjoni kontra attivitajiet frodulenti (permezz tal-analizzar tad-data ta’ użu, il-post u l-kont tal-klijent fi żmien reali). Fl-ekonomija diġitali, is-servizzi ta’ spiss huma fornuti b’kontra-prestazzjoni li ma tkunx flus, pereżempju billi l-utenti aħħarin ikunu esposti għal reklami. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunsens ta’ utent aħħari, irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar ikunx persuna fiżika jew ġuridika, għandu jkollu l-istess tifsira u jkun soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-kunsens tas-suġġett ta’ data taħt ir-Regolament (UE) 2016/679. Aċċess għall-internet broadband bażiku u servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi għandhom jiġu meqjusa bħala servizzi essenzjali biex l-individwi jkunu jistgħu jikkomunikaw u jieħdu sehem fil-benefiċċji tal-ekonomija diġitali. Il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data mill-użu tal-Internet jew tal-komunikazzjoni bil-vuċi mhux ser ikun validu jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina u libera, jew jekk ma jkunx jista’ jirrifjuta jew jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr dannu.