L-ipproċessar ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika jista’ jkun utli għan-negozji, il-konsumaturi u s-soċjetà in ġenerali. Vis-à-vis id-Direttiva 2002/58/KE, dan ir-Regolament iwessa’ l-possibbiltajiet għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika biex jipproċessaw metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, abbażi tal-kunsens ta’ utenti aħħarin. Madankollu, l-utenti aħħarin jagħtu importanza kbira lill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tagħhom, inklużi l-attivitajiet onlajn tagħhom, u li jridu jikkontrollaw l-użu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet oħra minbarra biex titwassal il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jiksbu l-kunsens tal-utenti aħħarin biex jipproċessaw metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, li għandha tinkludi data dwar fejn jinsab l-apparat iġġenerata għall-għan li jingħataw u jinżammu l-aċċess u l-konnessjoni mas-servizz. Id-data dwar il-lok iġġenerata barra mill-kuntest tal-forniment ta’ servizzi ta' komunikazzjoni elettronika m’għandhiex titqies bħala metadata. Eżempji ta’ użi kummerċjali ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jistgħu jinkludu l-forniment ta’ heatmaps; rappreżentazzjoni grafika ta’ data bl-użu ta’ kuluri biex tiġi indikata l-preżenza ta’ individwi. Biex jintwerew il-movimenti tat-traffiku f’ċerti direzzjonijiet waqt ċertu perjodu ta’ ħin, huwa neċessarju identifikatur biex iqabbel il-pożizzjonijiet tal-individwi f’ċerti intervalli ta’ ħin. Dan l-identifikatur ikun nieqes kieku kellha tintuża data anonima u moviment tali ma jkunx jista’ jintwera. Użu tali ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jista’, pereżempju, ikun ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet pubbliċi u operaturi ta’ trasport pubbliku biex jiddefinixxu fejn għandhom jiżviluppaw infrastruttura ġdida, abbażi tal-użu ta’ u l-pressjoni fuq l-istruttura eżistenti. Fejn tip ta’ pproċessar ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u b’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, qabel l-ipproċessar għandhom isiru valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, u skont ma jkun il-każ, konsultazzjoni mal-awtorità superviżorja, skont l-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679.