Data ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. Dan ifisser li kwalunkwe interferenza fit-trażmissjoni ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika, kemm jekk direttament b’intervent uman kif ukoll jekk permezz tal-intermedjazzjoni ta’ pproċessar awtomatizzat b’magni, mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha għall-komunikazzjoni għandha tiġi pprojbita. Il-projbizzjoni tal-interċezzjoni ta’ data ta’ komunikazzjonijiet għandha tapplika waqt li tkun qed tintbagħat, jiġifieri sakemm l-indirizzat maħsub tal-komunikazzjoni elettronika ikun irċieva l-kontenut. L-interċezzjoni ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ sseħħ, pereżempju, meta xi ħadd ieħor minbarra l-partijiet għall-komunikazzjoni, jisma’ t-telefonati, jaqra, jiskennja jew jaħżen il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika, jew il-metadata assoċjata għal finijiet oħra minbarra għall-iskambju ta’ komunikazzjonijiet. L-interċezzjoni sseħħ ukoll meta partijiet terzi jissorveljaw siti web miżjura, il-ħin taż-żjarat, l-interazzjoni mal-oħrajn, eċċ., mingħajr il-kunsens tal-utent aħħari kkonċernat. Hekk kif it-teknoloġija tevolvi, il-modi tekniċi ta’ kif issir l-interċezzjoni żdiedu ukoll. Modi tali jistgħu jvarjaw mill-installazzjoni ta’ tagħmir li jiġbor data minn tagħmir terminali fuq żoni mmirati, bħall-hekk imsejħa IMSI (Identità Internazzjonali ta’ Abbonati tal-Mowbajl) catchers, sa programmi u tekniki li, pereżempju, jissorveljaw bil-moħbi l-attitudnijiet ta’ bbrawżjar bil-għan li joħolqu profili tal-utenti aħħarin. Eżempji oħra ta’ interċezzjoni jinkludu l-ħtif ta’ data ta’ payload jew data ta’ kontenut minn netwerks u ruters mingħajr wajers mhux kriptati, inklużi l-attitudnijiet ta’ bbrawżjar mingħajr il-kunsens tal-utenti aħħarin.