Data ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tiġi ddefinita b’mod suffiċjentement wiesa’ u teknoloġikament newtrali biex tiġi inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar il-kontenut trażmess jew skambjat (kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika) u l-informazzjoni dwar utent aħħari ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pproċessata għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika; inkluża data biex jiġu ttraċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, post ġeografiku u d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni. Jekk dawn is-sinjali u d-data relatata jitwasslux b’wajer, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi, inklużi netwerks satellitari, netwerks bil-kejbil, netwerks terrestri fissi (trażmessi b’ċirkwit u trażmessi b’pakkett, inkluż l-Internet) u mobbli, sistemi bil-kejbil tal-elettriku, id-data relatata ma’ sinjali tali għandha titqies bħala metadata ta’ komunikazzjoni elettronika u għaldaqstant tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-metadata ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ tinkludi informazzjoni li hija parti mill-abbonament għas-servizz meta tali informazzjoni tiġi pproċessata għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew l-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika.