L-iżvilupp ta’ teknoloġiji mingħajr wajers rapidi u effiċjenti rawwem id-disponibbiltà li qed tiżdied għall-pubbliku ta’ aċċess għall-Internet permezz ta’ netwerks mingħajr wajers aċċessibbli minn kwalunkwe peruna fi spazji pubbliċi u semiprivati bħal “hotspots” f’postijiet differenti ġewwa belt, stabbilimenti, ċentri kummerċjali u sptarijiet. Peress li dawk in-netwerks ta’ komunikazzjoni huma pprovduti lil grupp mhux definit ta’ utenti aħħarin, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet trażmessi permezz ta’ netwerks tali għandha tkun protetta. Il-fatt li servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mingħajr wajers jistgħu jkunu anċillari għal servizzi oħra ma għandux ifixkel milli tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data tal-komunikazzjonijiet u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika għal data ta’ komunikazzjoni elettronika li tuża servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi. B’kuntrast, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal gruppi magħluqa ta’ utenti aħħarin bħal netwerks korporattivi, li l-aċċess għalihom huwa limitat għal membri tal-korporazzjoni.