Apparati u makkinarji konnessi qed jikkomunikaw dejjem aktar ma’ xulxin bl-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika (Internet tal-Oġġetti). It-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna tinvolvi t-twassil ta’ sinjali fuq netwerk u, għalhekk, normalment tikkostitwixxi servizz ta’ komunikazzjoni elettronika. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u biex jiġi promoss Internet tal-Oġġetti fdat u sigur fis-suq uniku diġitali, jeħtieġ li jiġi ċċarat li dan ir-Regolament għandu japplika għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità minqux f’dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet minn magna għal magna. Salvagwardji speċifiċi jistgħu jiġu adottati wkoll taħt leġiżlazzjoni settorjali, bħal pereżempju d-Direttiva 2014/53/UE.