Is-servizzi użati għal finijiet ta’ komunikazzjoni, u l-mezzi tekniċi tal-forniment tagħhom, evolvew b’mod konsiderevoli. L-utenti aħħarin qed jissostitwixxu dejjem aktar it-telefonija bil-vuċi tradizzjonali, il-messaġġi testwali (SMS) u servizzi biex tintbagħat il-posta elettronika b’servizzi onlajn funzjonalment ekwivalenti bħal Vuċi fuq IP (Voice over IP), servizzi ta’ messaġġi u servizzi ta’ posta elettronika bbażati fuq il-web. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva u ugwali tal-utenti aħħarin meta jkunu qed jużaw servizzi funzjonalment ekwivalenti, dan ir-Regolament juża d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kif imniżżla fid-[Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjoni Elettronika
24
]. Dik id-definizzjoni tinkludi mhux biss servizzi ta’ aċċess għall-Internet u servizzi li jikkonsistu kompletament jew parzjalment fit-twassil ta’ sinjali iżda anki servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali, li jistgħu jew jistgħu ma jkunux ibbażati fuq numri, bħal pereżempju, Vuċi fuq IP, servizzi ta’ messaġġi u servizzi ta’ posta elettronika bbażati fuq il-web. Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni hija kruċjali anki fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali li hija anċillari għal servizz ieħor; għaldaqstant, dan it-tip ta’ servizzi li għandhom ukoll funzjonalità ta’ komunikazzjoni għandu jkun kopert minn dan ir-Regolament.