L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha. Ir-rispett għall-privatezza tal-komunikazzjonijiet tal-persuna huwa dimensjoni essenzjali ta’ dan id-dritt. Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika tiżgura li l-informazzjoni skambjata bejn il-partijiet u l-elementi esterni ta’ tali komunikazzjoni, inkluż meta l-informazzjoni ġiet mibgħuta, minn fejn, lil min, ma għandha tiġi żvelata lil ħadd aktar minbarra lill-partijiet involuti f’komunikazzjoni. Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità għandu japplika għal mezzi ta’ komunikazzjoni attwali u tal-ġejjieni, inklużi telefonati, aċċess għall-Internet, applikazzjonijiet ta’ messaġġi instantanji, posta elettronika, telefonati bl-Internet u messaġġi personali pprovduti permezz il-midja soċjali.