1.L-użu ta’ kapaċitajiet ta’ pproċessar u ħżin ta’ tagħmir terminali u l-ġbir ta’ informazzjoni mit-tagħmir terminali tal-utenti aħħarin, inkluż dwar is-softwer u l-ħardwer tiegħu, minbarra l-utent aħħari kkonċernat għandu jkun ipprojbit, ħlief għar-raġunijiet li ġejjin:
(a)dan ikun neċessarju għall-fini uniku tat-twettiq tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni elettronika fuq netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika; jew
(b)l-utent aħħari jkun ta l-kunsens tiegħu jew tagħha; jew
(c)dan ikun neċessarju għall-forniment ta’ servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni mitlub mill-utent aħħari; jew
(d)jekk dan ikun neċessarju għall-kejl tal-udjenza tal-web, diment li tali kejl isir mill-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni mitlub mill-utent aħħari.
2.Il-ġbir ta’ informazzjoni maħruġa minn tagħmir terminali biex dan ikun jista’ jagħmel konnessjoni ma’ apparat ieħor u, jew ma’ tagħmir tan-netwerk għandu jkun ipprojbit, ħlief jekk:
(a)dan isir esklużivament biex, għall-ħin neċessarju għal, u għall-fini tal-istabbiliment ta’ konnessjoni; jew
(b)jiġi muri avviż ċar u prominenti li jipprovdi informazzjoni dwar, mill-inqas, il-modalitajiet tal-ġbir, l-għanijiet tiegħu, il-persuna responsabbli minnu u l-informazzjoni l-oħra meħtieġa taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679 fejn tinġabar data personali, kif ukoll kwalunkwe miżura li l-utent aħħari tat-tagħmir terminali jista’ jieħu biex iwaqqaf jew jimminimizza l-ġbir.
Il-ġbir ta’ informazzjoni tali għandu jkun kundizzjonali fuq l-applikazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat livell ta’ sigurtà adatt għar-riskji, kif imniżżel fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, ġew applikati.
3.L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 tista’ tiġi pprovduta flimkien ma’ ikoni standardizzati sabiex tingħata spjegazzjoni ġenerali sinifikattiva tal-ġbir b’mod faċilment viżibbli, intelliġġibbli u leġġibbli b’mod ċar.
4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 li jiddeterminaw l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-ikona standardizzata u l-proċeduri għall-forniment ta' ikoni standardizzati.