1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a)id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2016/679;
(b)Id-definizzjonijiet ta’ “netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika”, “servizz ta’ komunikazzjoni elettronika”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażat fuq numru”, “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti minn numru”, “utent aħħari” u “telefonata” fil-punti (1), (4), (5), (6), (7), (14) u (21) rispettivament tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew dwar Komunikazzjoni Elettronika];
(c)id-definizzjoni ta’ “tagħmir terminali” fil-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE
27
.
2.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, id-definizzjoni ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali” għandha tinkludi servizzi li jippermettu komunikazzjoni interpersonali u interattiva sempliċiment bħala karatteristika anċillari minuri li hija intrinsikament marbuta ma’ servizz ieħor.
3.Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a)“data ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika u metadata ta’ komunikazzjoni elettronika;
(b)“kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser il-kontenut skambjat permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal test, vuċi, vidjows, immaġni, u ħoss;
(c)“metadata ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser data pproċessata f’netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika għall-finijiet tat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni jew l-iskambju ta’ kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika; inkluża data użata biex jiġu ttraċċati u identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, data dwar il-post tal-apparat iġġenerata fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, u d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni;
(d)“direttorju pubblikament disponibbli” tfisser direttorju ta’ utenti aħħarin ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, kemm jekk stampat jew f’forma elettronika, li huwa ppubblikat jew imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew lil sezzjoni tal-pubbliku, inkluż b’mezzi ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar id-direttorju;
(e)“posta elettronika” tfisser kwalunkwe messaġġ elettroniku li jkun fih informazzjoni bħal test, vuċi, vidjo, ħoss jew immaġni mibgħuta fuq netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika li jista’ jinħażen fin-netwerk jew f’faċilitajiet ta’ kompjuters relatati, jew fit-tagħmir terminali ta’ min jirċevih;
(f)“komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” tfisser kwalunkwe forma ta’ reklamar, kemm jekk bil-miktub jew orali, mibgħut lil utent wieħed jew aktar identifikat(i) jew identifikabbli ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni b’interazzjoni umana jew mingħajrha, posta elettronika, SMS, eċċ.;
(g)“telefonati vuċi għal vuċi ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta” tfisser telefonati live, li ma jinkludux l-użu ta’ sistemi ta’ telefonati awtomatizzati u sistemi ta’ komunikazzjoni;
(h)“sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni” tfisser sistemi li kapaċi awtomatikament jibdew telefonati lil riċevitur wieħed jew aktar skont l-istruzzjonijiet stabbiliti għal dik is-sistema, u li jittrażmettu ħsejjes li mhumiex taħdit live, inklużi telefonati magħmula bl-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ telefonati u komunikazzjoni li jqabbdu lill-persuna li saritilha t-telefonata ma’ individwu.