Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, u b’mod partikolari, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.
2.Dan ir-Regolament jiżgura l-moviment liberu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni, li la għandu jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet relatati mar-rispett għall-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.
3.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jippartikularizzaw u jikkomplementaw ir-Regolament (UE) 2016/679 billi jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-finijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.