Ħażna u tħassir ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika

1.Mingħajr ħsara għall-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(3), il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jħassar il-kontenut ta’ komunikazzjoni elettronika jew irendi dik id-data anonima wara li r-riċevitur jew ir-riċevituri maħsuba jkunu rċevew il-kontenut tal-komunikazzjoni elettronika. Data tali tista’ tiġi rrekordjata jew maħżuna mill-utenti aħħarin jew minn parti terza fdata minnhom biex tirrekordja, taħżen jew tipproċessa b’xi mod ieħor data tali, skont ir-Regolament (UE) 2016/679.
2.Mingħajr ħsara għall-punt (b) tal-Artikolu 6(1) u l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 6(2), il-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jħassar il-metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jew irendi dik id-data anonima meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni.
3.Fejn l-ipproċessar ta’ metadata ta’ komunikazzjoni elettronika jseħħ għall-fini tal-ħruġ tal-kontijiet skont il-punt (b) tal-Artikolu 6(2), il-metadata rilevanti tista’ tinżamm sa tmiem il-perjodu li matulu kont jista’ jiġi legalment ikkontestat jew li matulu jista’ jibqa’ jintalab pagament skont il-liġi nazzjonali.